Id-Delegazzjoni

108 MPE mis-7 gruppi politiċi u membri mhux affiljati jirrappreżentaw lill-Parlament Ewropew fil-plenarja tal-Konferenza.

Missier miexi ma' uliedu fl-għelieqi

Dwar xiex inhi l-Konferenza?

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija eżerċizzju miftuħ u inklużiv fid-demokrazija deliberattiva li għadna qatt ma għamilna bħalha. Hija tippermetti lill-Ewropej jaqsmu l-ideat tagħhom għall-Ewropa u x'jistennew minnha u jifformulaw proposti biex jgħinu u jiggwidaw il-futur tal-politiki tal-UE.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea qablu fuqha f'dikjarazzjoni konġunta li ġiet iffirmata fl-10 ta' Marzu 2021 fi Brussell. It-tliet istituzzjonijiet, li l-presidenti tagħhom jiffurmaw il-Presidenza Konġunta, impenjaw ruħhom li jisimgħu lill-Ewropej u jaħdmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru fl-isfera tal-kompetenzi tagħhom. Huwa mistenni li l-Konferenza tilħaq il-konklużjonijiet tagħha sar-Rebbiegħa tal-2022.
Bord Eżekuttiv, f'isem il-Presidenza Konġunta, jissorvelja l-ħidma tal-Konferenza. Hu magħmul minn rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet fuq bażi ugwali u preseduti b'mod konġunt. Rappreżentanti tal-COSAC mill-Parlamenti Nazzjonali tal-UE jipparteċipaw bħala osservaturi tal-laqgħat kollha tal-bord. Rappreżentanti mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-sħab soċjali huma wkoll mistiedna bħala osservaturi.

Kif taħdem il-Konferenza

Il-Konferenza ngħatat bidu uffiċjalment fid-9 ta' Mejju 2021 b'ċerimonja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, wara li l-Bord Eżekuttiv adotta r-Regoli ta' Proċedura tagħha. Dan sar wara li nfetħet il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza fid-19 ta' April.
Il-pjattaforma hi l-post fejn iċ-ċittadini jissottomettu proposti online, jaqsmu ideat u jinteraġixxu bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. L-ideat u s-suġġerimenti kollha se jinġabru, jiġu analizzati u monitorjati matul il-Konferenza. Il-pjattaforma tiġbor flimkien ukoll avvenimenti ta' gruppi li jsiru minn individwi u minn organizzazzjonijiet kif ukoll minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali madwar l-Ewropa. L-ideat u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-pjattaforma se jintużaw bħala input għaż-żewġ komponenti l-oħra tal-Konferenza, il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej u l-Plenarja.
L-erba' Panels taċ-Ċittadini Ewropej se jkunu magħmula minn 200 ċittadin magħżula bix-xorti li se jiddiskutu suġġetti differenti u li jressqu l-proposti tagħhom. Il-panels se jkunu rappreżentattivi tal-popolazzjoni tal-UE f'termini ta' oriġini ġeografika, ġeneru, età u sfond soċjoekonomiku.

Il-Plenarja tal-Konferenza

Il-Plenarja tal-Konferenza se tiddibatti u tiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, u l-input miġbur mill-Pjattaforma Diġitali Multilingwi, miġbura f'temi. Wara li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu ppreżentati u diskussi maċ-ċittadini, il-Plenarja tressaq il-proposti tagħha għall-konklużjonijiet tal-Konferenza lill-Bord Eżekuttiv. Dan tal-aħħar imbagħad ifassal rapport b'kollaborazzjoni u trasparenza sħaħ mal-Plenarja.
Il-Plenarja tal-Konferenza magħmula minn 108 rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, 54 mill-Kunsill, 3 mill-Kummissjoni Ewropea, 108 mill-Parlamenti nazzjonali fuq bażi ugwali, u 108 ċittadini. Se jipparteċipaw ukoll 18-il rappreżentant mill-Kumitat tar-Reġjuni u 18 mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, 6 rappreżentanti eletti mill-awtoritajiet reġjonali u 6 rappreżentanti eletti mill-awtoritajiet lokali, 12-il rappreżentant mis-sħab soċjali u 8 mis-soċjetà ċivili.
Il-laqgħat tal-Plenarja tal-Konferenza, li se jiġu preseduti mit-3 Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv, se jsiru fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u jixxandru live fuq l-internet.

Id-Delegazzjoni tal-PE

Id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Konferenza Plenarja tinkludi 108 MPE mis-7 gruppi politiċi u l-membri mhux affiljati. Hi tinkludi sitta mis-seba' rappreżentanti tal-Parlament u osservaturi għall-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza u hi mmexxija minn Guy Verhofstadt (Renew, BE). Id-Delegazzjoni tagħmel il-laqgħat tagħha qabel il-Plenarji tal-Konferenza biex tipprepara għall-kontribut tal-Parlament, sa mill-Plenarja inawgurali tat-18 sad-19 ta' Ġunju 2021.

Skopri l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Semma' leħnek

Mur fis-sit web